Oażi għal refuġjati żgħażagħ fl-Iżvezja

Mikaela Berg u Omid Mahmoudi jaħdmu ma’ ‘Mötesplats Otto’:  spazju miftuħ għal refuġjati żgħażagħ mhux akkumpanjati f’ Malmo, l-Iżvezja. F’din l-intervista, Mikaela u Omid jitkellmu fuq xogħolhom, iż-żgħażagħ li jaħdmu magħhom u l-klima politika inkwetanti fl-Iżvejza. “Jekk ma jkunx hemm aħna għalihom, ħadd ma jkun hemm.”

L-iktar rwol important ta’ Mötesplats Otto hu li jipprovdi sens ta’ appartenenza lir-refuġjati mhux akkumpanjati, u li joffri spazju li fih iħossuhom milqugħa. Dan hu meħtieġ ħafna meta tqis il-politika Svediża ta’ immigrazzjoni li kulma jmur dejjem qed issir aktar bierda lejn l-immigranti. Iż-żgħażagħ jiġu għand ‘Otto’ biex jekk għandhom bżonn jitkellmu, jiltaqgħu ma’ adult, biex jipparteċipaw fil-ħafna attivitajiet kulturali u sportivi, jagħmlu x-xogħol tad-dar li jkollhom mill-iskola, jew biex jieħdu parir legali fuq il-liġi ta’ migrazzjoni jew kwistjonijiet soċjali.

Aqra aktar

Mikaela u Omid ilhom parti minn Mötesplats Otto mill-bidu nett. Jgħidu li huma inkwetati fuq l-iżvilupp politiku attwali fl-Iżvezja. Mikaela tgħid, “Hawn f’Otto naraw il-konsegwenzi ta’ politiki li jittrattaw l-immigrazzjoni eħrex. Minħabba t-tbatija mentali u ekonomika, ħafna żgħażagħ iduru għad-drogi. Dan hu marbut ukoll mal-istennija inumana u twila li ż-żgħażagħ u r-refuġjati mhux akkumpanjati huma esposti għaliha.” Omid iżid li, “Is-sitwazzjoni fl-Iżvezja hija inumana u l-qbil politiku ġdid Tidö qed joħloq ammont enormi ta’ stress għall-parteċipanti ta’ Otto.” [Dan il-qbil tal-gvern ġdid jinkludi proposti ripressivi u estensivi.]

“Li ma ngħinux mhux għażla”

Għal Mikaela u Otto huwa importanti li joħolqu oażi fejn għal ftit ħin ir-refuġjati żgħażagħ jistgħu jinsew il-problemi tagħhom. F’Otto, l-atmosfera ta’ kenn u akkoljenti tippermetti liż-żgħażagħ biex jieħdu brejk u sempliċiment jieħdu gost għal ftit mumenti. Hawnhekk, kulħadd intitolat li jkun uman fost umani oħra. Mikaela tgħid, “Li hu sabiħ u tajjeb f’din il-biċċa xogħol hu li qed nagħmlu dan kollu flimkien. Hawnhekk kollha nsibu t-tama, u hija dik li tixprunana nibqgħu għaddejin.”

Min-naħa tiegħu Omid jgħid, “Li nsib diffiċli hu li nara kif is-soċjetà ta’ madwari sejra fid-direzzjoni l-ħażina u kif dan jaffettwa lil dawk li jżuru Otto. Dan l-ispazju introduċieni ma’ tant nies mill-isbaħ, u xi kultant hu diffiċli li ma tkunx tista’ tagħtihom assigurazzjoni li se jkunu siguri.”

Meta mistoqsi x’inhu dak li jixprunah, Omid iwieġeb li, “Ma nistgħu naffordjaw li ma nagħmlux dak li qed nagħmlu. M’hemmx istituzzjoni oħra li tagħmel dak li nagħmlu aħna. Jekk ma jkunx hemm aħna għalihom, ħadd ma jkun hemm. Jien ġej mill-istess sfond, għalhekk għalija li ma ngħinux mhux għażla. Bilfors irridu ngħidu għax is-sitwazzjoni għal dawk li qed ifittxu ażil mhix sostenibbli.

Mikaela tistqarr, “Għalija li nkun parti minn din hija mod kif naqsam il-privileġġi tiegħi ma’ ħaddieħor bħala persuna bajda. Kulħadd jistħoqqlu jiġi milqugħ b’affezzjoni u umanità. Nippruvaw naraw il-bżonnijiet eżistenti u naddattaw l-attivitajiet skonthom. Aħna flessibbli ħafna. Dan l-ispazju kkaratterizzat mis-solidarjetà. Huwa spazju kenni u sigur. Kuntenta ħafna li jiena parti minnu.”

Sluiten